Malta trid turi li d-demokrazija hija realtà mhux teatrin – L-Arċisqof

“Il-qtil faħxi ta’ Daphne Caruana Galizia ġab miegħu mument ta’ tensjoi qawwija f’Malta, iżda dan il-mument intgħeleb minn reazzjoni qawwija minn-naħa tas-Soċjetà Ċivili. Dan ifisser li pilastru fundamentali tad-demokrazija għadu b’saħħtu u mhux qed iħalli li jkun intimidat mill-arroganza ta’ dawk li jridu jeqirdu fiżikament lil min hu kontrihom u lil xi ġurnalist li jikkritika u jinvestiga il-korruzzjoni, l-abbuż tal-poter u n-nuqqas ta’ kontabbiltà u trasparenza”.
Hekk qal l-Arċisqof Charles Scicluna f’intervista li ta lill-agenzija tal-aħbarijiet Taljana, Agensir.
Huwa kien qed jitkellem fl-isfond ta’ laqgħa li ssejħet mill-Konferenza ta’ Isqfijiet Ewropej, il-COMECE, u s-Santa Sede.
“Ninsabu lkoll ixxukkjati u qed nistaqsu lilna nfusna kif wasalna s’hawn. Lanqas nista’ nimmaġina kif bniedem jista’ jkollu tant ħruxija f’qalbu li jiddeċiedi li joqtol persuna li sempliċement tkun qed tagħmel xogħolha, anke jekk fil-kitbiet tagħha tkun kritika ħafna. Wasal iż-żmien li Malta, pajjiż żgħir bi storja twila tul is-sekli, turi lid-dinja li għaliha l-kelma demokrazija mhix teatrin imma realtà” issokta l-Arċisqof Scicluna.
Żied jgħid li l-proposta favur rikonċiljazzjoni għandha tkun ikkunsidrata sew fuq diversi livelli partikolarment għax, qal l-Arċisqof, l-intollernaza hija evidenti f’ħafna oqsma. 
F’Malta d-djalogu, jew nuqqas ta’ djalogu, politikament ippolarizzat qed jiggrava.
Dan, qal l-Arċisqof, qed iħasseb lill-osservaturi, imma qed iħasseb ukoll lil nies ta’ rieda tajba li jridu l-ġid komuni. “Bħala Isqfijiet, aħna nistiednu lill-popolazzjoni Ewropea biex isseddaq l-importanza tad-djalogu” saħaq l-Arċisqof.
Ilmenta li sfortunatament, ċerti estremisti qed jopponu l-kultura tad-djalogu li hi tant għal qalb il-Papa Frnġisku, imma, qal l-Arċisof Scicluna, din għandna nippromwovuha anke fil-ħajja tagħna ta’ kulljum.