​“Malta trid tkun pajjiż mudell tal-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf”

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar id-Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf Claudio Grech saħaq li l-pass li jmiss hu li titwessa’ d-diskussjoni kif Malta tkun pajjiż mudell tal-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista rrefera għall-istħarriġ tal-MaltaToday tal-Ħadd li għadda, fejn aktar minn 97% ta’ dawk mistoqsija qalu li ma jaqblux mal-abort.
Saħaq li kien għalhekk li l-Kap Nazzjonalista  Adrian Delia identifika d-drittijiet tat-tarbija fil-ġuf bħala qasam li jixraqlu jkun parti mill-ħidma politika, b’Deputat tal-Oppożizzjoni li jsegwi u jfassal proposti sabiex jissaħħu dawn id-drittijiet.
Claudio Grech irrimarka li l-Partit Nazzjonalista kien dejjem konsistenti fil-pożizzjoni tiegħu favur il-ħajja mill-konċepiment sal-mewt.