Awdjo: “Malta trid tipprepara għal iktar mewġiet ta’ sħana u għargħar” – Prof. Maria Attard

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Ġeografija fl-Università ta’ Malta, Prof. Maria Attard qalet li Malta se tkompli tintlaqat minn mewġiet ta’ sħana u minn għargħar, minħabba t-tibdil fil-klima. Saħqet li huwa għalhekk li Malta jeħtieġ tibda tipprepara ruħha.
“Il-mewġa ta’ sħana li laqtet lil Malta ma kinitx mistennija li sseħħ bħalissa
Ma’ Newsbook.com.mt, Prof. Attard qalet li l-mewġa ta’ sħana li laqtet lil Malta ma kinitx mistennija li sseħħ bħalissa, għalkemm ix-xjenisti kienu ilhom jgħidu li se tolqot lid-dinja minħabba t-tibdil fil-klima.
Spjegat li t-tibdil fil-klima huwa proċess normali li diġà għaddiet minnu d-dinja. Madankollu saħqet li dak li qed nesperjenzaw bħalissa huwa proċess mgħaġġel, kawża tal-emissjonijiet li qed iżidu t-temperaturi b’rata aktar mgħaġġla.
Danni għal Malta
Prof. Attard spjegat li flimkien mal-mewġa tas-sħana, Malta se tesperjenza wkoll għargħar. Stqarret li dan jista’ jħalli diversi danni għal Malta, kemm fuq livell ekonomiku  u infrastrutturali kif ukoll fuq livell ġeoloġiku. Sostniet li fl-aħħar mill-aħħar dan kollu se jkollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem.
“Ir-riskju li xi darba Malta tisfa deżert qiegħed hemm
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Ġeografija spjegat ukoll li r-riskju li xi darba Malta tisfa deżert qiegħed hemm, iżda wieħed ma jistax jagħti żmien meta dan se jseħħ għax dak jieħu proċess twil. Tenniet li jekk Malta tieħu l-miżuri neċessarji r-riskju li ssir deżert jiġi eliminat.
“Ir-riskju li sal-aħħar ta’ dan is-seklu l-baħar jogħla minn tal-inqas b’metru
Dwar it-temperaturi għoljin tal-baħar li Malta esperjenzat fl-aħħar jiem, Prof. Maria Attard spjegat li hemm ir-riskju li sal-aħħar ta’ dan is-seklu l-baħar jogħla minn tal-inqas b’metru. Qalet li dan ifisser li Malta jeħtieġ li  tindirizza din il-problema, fostl-oħrajn fit-toroq li nbnew fil-widien.
Saħqet li dawn iridu jiġu indirizzati issa, biex meta jaslu l-problemi, tkun ippreparata għalihom.
Prof. Attard tenniet li Malta trid tipprepara wkoll sew għall-mewġiet tas-sħana, fosthom fit-toroq, biex ikunu aktar kennija. Semmiet ukoll bini apposta li jżomm il-frisk.