Malta trid tibda tattira turisti mill-Arabja Sawdija – rapporti

Riyadh

Malta se tkun qed taħdem biex tattira aktar turisti mill-Arabja Sawdija fost pajjiżi oħra skont is-sit TradeArabia.

Is-sit irrapporta li l-kumpanija tat-turiżmu Aviareps se tkun qed tirrappreżentat lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fil-Bahrain, fil-Kuwajt, fl-Oman, fil-Qatar, fl-Arabja Sawdija, fl-Emirati Għarab Magħquda, u f’ Ċipru. Is-sit qal li din ir-rappreżentanza bdiet mill-1 ta’ Settembru. Il-kumpanija se tkun qed tirreklama lil Malta bħala destinazzjoni għall-familji, gruppi, u anke nies li jivvjaġġaw waħedhom fost l-oħrajn.

Id-Deputat Kap Eżekuttiv tal-MTA Carlo Micallef ġie kkwotat li qal li jinsabu eċitati li jaħdmu ma’ Aviareps fiċ-Ċipru u fil-Golf Persjan biex jitwassal il-messaġġ li Malta huwa pajjiż miftuħ għat-turisti minn dawn il-pajjiżi.

Fl-2017, il-kumpanija Airmalta kienet appuntat lil Aviareps bħala trade sales representative tagħha għal numru ta’ pajjiżi Ewropej.