Malta toffri li tospita taħditiet ta’ paċi mill-UN dwar il-Libja

FILE PHOTO: A destroyed and burnt tank that belonged to the eastern forces led by Khalifa Haftar, is seen in Gharyan south of Tripoli Libya June 27, 2019. REUTERS/Ismail Zitouny/File Photo

Malta offriet li tospita t-taħdidiet ta’ paċi dwar il-Libja bħala parti mill-Proċess ta’ Berlin immexxi min-Nazzjonijiet Magħquda.

Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ġie spjegat li din it-talba saret waqt laqgħa straordinarja tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin li ġiet imlaqqa’ lbieraħ fi Brussell fuq talba tar-Rappreżentant Għoli u Viċi-President Joseph Borrell Fontanelles. Waqt din il-laqgħa ġiet diskussa s-sitwazzjoni fil-Libja u l-eskalazzjoni fl-Iran/Iraq.

Matul il-laqgħa, Malta esprimiet tħassib qawwi dwar l-iżviluppi attwali madwar il-kriżi fil-Libja u affermat mill-ġdid il-konvinzjoni ta’ Malta li hija l-politika u s-soluzzjoni diplomatika bbażata fuq il-proċess tan-Nazzjonijiet Magħquda hija l-unika triq ‘il quddiem. Malta tenniet li hi kontra l-interventi barranin fil-Libja u ssieħbet fis-sejħa għal tneħħija mill-eskalazzjoni fil-Libja u madwarha.

Intant, Malta affermat li l-komunità internazzjonali għanda titkellem b’vuċi waħda għall-benesseri tal-poplu Libjan biex b’hekk tissalvagwardja l-bilanċ delikat ta’ sigurtà u stabbilità li bħalissa jipprevali fir-reġjun.

Malta offriet li tassisti fil-proċess bit-tmexxija ta’ taħdidiet li għandhom il-potenzjal li jġibu l-paċi fil-Libja u l-istabbilità fir-reġjun. L-istqarrija tgħid li l-offerta ġiet sottomessa bħala reazzjoni għat-talba tar-rappreżentant għoli biex l-istati membri jikkontribwixxu b’mod tanġibbli għal soluzzjon u mhux sempliċiment jenfasizzaw tħassib.

Il-laqgħa straordinarja tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin ġiet imlaqqa’ nhar il-Ġimgħa fi Brussell fuq talba tar-Rappreżentant Għoli u Viċi-President Josep Borrell Fontelles.