Malta toffri li ddaħħal 36 immigrant salvati minn Ocean Viking

Read in English.

L-awtoritajiet Maltin offrew li jiddaħlu Malta 36 immigrant salvati fl-ibħra territorjali Maltin mill-bastiment Ocean Viking.

Dan ikkonfermatu ma’ Newsbook.com.mt kelliema għall-Forzi Armati ta’ Malta. Hi spjegat li l-Forzi Armati ta’ Malta se jmorru fuq il-bastiment Ocean Viking fejn se jkunu qed joffru li jieħdu t-36 immigrant. Qalet li minħabba li hemm mijiet ta’ persuni salvati abbord il-bastiment, l-AFM mhux ċerti li l-għaqda se tippermetti li grupp żgħir biss jitħalla jidħol Malta. Qalet li għandhom ikunu jafu x’se jiġri eżatt tard illejla jew kmieni għada filgħodu.

Aqra: L-Italja taċċetta lill-immigranti minn fuq Ocean Viking

Matul il-lejl li għadda, l-għaqda Doctors Without Borders (MSF) li topera l-bastiment flimkien ma’ SOS Mediterranee, semmiet ħidma oħra li għamlet fuq il-baħar. It-36 immigrant kienu salvati minn fuq dgħajsa tal-injam. L-għaqda qalet li l-ħidma kienet koordinata mill-awtoritajiet marittimi Maltin. Dan is-salvataġġ tella n-numru ta’ persuni salvati abbord l-Ocean Viking għal 218.

“Joqtluh malli daħluh lura Tripli”

Raġel li ġie sfurzat jirritorna l-Libja wara li ġie salvat mill-għarqa spiċċa nqatel. Dan qalitu l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni (IOM) wara li membri tal-istaff tagħha kienu xhieda tal-każ. Ir-raġel mis-Sudan kien ilu biss ftit sigħat li niżel fil-Libja. Intant, l-għaqda Doctors Without Borders (MSF) insistiet li l-Libja mhux post sigur għal dawk li qed jippruvaw jaħarbu.

L-Erbgħa tard filgħazija, 120 persuna ġew interċettati mill-Gwardja tal-Kosta Libjana, skont MSF. Huma kellhom jiżbarkaw fil-bażi navali fi Tripli. Fl-aħħar ġimgħa aktar minn 500 persuna vulnerabbli li ppruvaw jaħarbu mil-Libja ġew sfurzati lura fil-pajjiż.

Aqra: Filmat u ritratti: L-immigranti tal-Ocean Viking jaslu Malta