Malta tnaqqas kwart tal-użu tal-enerġija

Bejn is-sena 2006 u s-sena 2016, Malta kienet fost l-ogħla pajjiżi tal-Unjoni Ewropea bl-akbar tnaqqis tal-konsum tal-enerġija.
Statistika ppubblikata mill-Eurostat turi li f’għaxar snin Malta rreġistrat tnaqqis ta’ 22.5%.
Dan it-tnaqqis kien it-tieni l-ikbar tnaqqis fl-Unjoni Ewropea bl-akbar tkun il-Greċja bi 23.6% filwaqt li t-tielet l-akbar pajjiż li naqqas il-konsum kienet ir-Rumanija b’20.2%.
Bejn l-2006 u l-2016, it-tkabbir fil-konsum tal-enerġija ġie rreġistrat f'żewġ Stati Membri biss, fl-Estonja, li kellhom żieda ta' 13.4% u l-Polonja b’żieda ta' 3.2%.
L-Unjoni Ewropea kkommettiet ruħha li tnaqqas il-konsum tal-enerġija b'20% sal-2020. Dan l-għan huwa magħruf ukoll bħala l-mira ta' 20% ta' effiċjenza fl-enerġija.
Intant, fi statistika oħra maħruġa mill-Eurostat il-ġimgħa li għaddiet, Malta rreġistrat l-inqas ammont ta’ konsum tal-enerġija mill-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni Ewropea fl-2016.