Malta titneħħa mil-lista ta’ pajjiżi siguri għas-safar mis-Slovenja

Miguela Xuereb

Is-Slovenja m’għadhiex tqis lil Malta bħala pajjiż sigur biex iżuruh it-turisti Sloveni billi Malta tneħħiet mil-lista ta’ pajjiżi l-aktar siguri għas-safar.

Dan wara li fil-pajjiż żdied ġmielu l-għadd ta’ każijiet tal-coronavirus. Sal-bieraħ, it-total ta’ każijiet attivi kien ta’ 415.

Malta, flimkien mar-Repubblika Ċeka, l-Iżvizzera u tliet reġjuni Spanjoli, tqiegħdet f’lista safra minflok ħadra, li jindika li hija inqas sigura b’rabta mal-coronavirus. Intant, il-Belġju u xi pajjiżi oħra tpoġġew fil-lista ta’ pajjiżi ħomor, li jindika li hemm riskju kbir ta’ infezzjonijiet tal-coronavirus.

Dawn it-tibdiliet ġew deċiżi mill-Gvern Sloven ftit tal-jiem ilu.

Min iżur il-pajjiżi fil-lista l-ħamra jrid jagħmel ġimagħtejn kwarantina malli jirritorna Slovenja. Din il-lista bħalissa tinkludi 58 pajjiż wara li l-Belarussja, l-Alġerija, l-Ekwador u Valenzja fi Spanja tneħħew mil-lista l-ħamra u tqiegħdu fil-lista ta’ pajjiżi mmarkati bl-isfar.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn