Malta titla’ minn A għal A+ skont Fitch

L-Aġenzija Fitch, li tiklassifika l-ekonomija tal-pajjiżi, għolliet il-klassifikazzjoni tal-ekonomija Maltija minn A għal A+.
Erba’ snin ilu, f’Settembru, l-istess aġenzija kienet waqqgħet il-prestazzjoni tal-ekonomija għal A, iżda issa għollietha wara li innutat il-mod kif qed jonqos id-dejn u jikbr il-Prodott Gross Domestiku (GDP).
Fir-rapport maħruġ ilbieraħ, Fitch irrimarkat li l-ekonomija sejra aħjar, u tistenna li sal-2019 id-dejn ġenerali tal-Gvern jinżel għal 50%, il-GDP jibqa’ b’saħħtu u jibqa’ jiġi rreġistrat is-surplus sa 7.7% tal-GDP.
Intqal ukoll li n-nefqa fuq l-importazzjoni naqset minħabba effiċjenza akbar mis-settur tal-enerġija bis-saħħa tat-tlestija tal-interconnector mal-Italja kif ukoll minħabba l-qalba tal-provvista tal-enerġija minn waħda ġġenerata miż-żejt għal waħda bil-gass.
Ir-rapport jirreferi għall-investiment ta’ 48% tal-GDP rreġistrat f’Malta, li hu ogħla minn dak ta’ pajjiżi oħra li jinsabu fil-klassifika A, li għandhom 27% investiment tal-GDP.
Minkejja dan, Fitch twissi li l-ekonomija Maltija tista’ tkun vulnerabbli għal żviluppi barranin, u dan minħabba n-natura miftuħa tagħha.
Issemmi wkoll il-klassifikazzjoni ta’ Malta fis-76 post minn 190 skont il-Bank Dinji dwar il-Faċilità li wieħed ikollu Negozju, pożizzjoni aktar baxxa minn pajjiżi oħra fl-istess ilma skont Fitch.