“Malta tista’ u għandha tagħmel xogħol aħjar mal-immigranti f’Ħal Far” – Psikologi

.Il-kwistjoni tal-immigrazzjoni hija sfida madwar id-dinja kollha, inkluż f’Malta u għalhekk huwa importanti li wieħed jifhem li n-nies li jkunu qed jaħarbu għax ħajjithom tkun f’periklu f’pajjiżhom għandhom dritt legali li jmorru f’pajjiż ieħor ifittxu l-ażil. Fid-dawl ta’ dan il-Malta Chamber of Psychologists qalet li “Malta tista’ u għandha tagħmel xogħol aħjar mal-immigranti f’Ħal Far”

Dan kien il-messaġġ tal-Malta Chamber of Pyschologists (MCP), li ħarġet stqarrija fid-dawl tad-diskussjonijiet li qamu fuq il-midja soċjali l-ġimgħa li għaddiet meta beda jdur filmat li juri l-kundizzjonijiet li qed jgħixu fihom l-immigranti li qed jinżammu fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Far.

Fi stqarrija l-MCP qalet li eventwalment ħafna minn dawk li jkunu miżmuma fiċ-ċentri ta’ detenzzjoni jippreżentaw provi neċessarji li ġew ippersegwitati f’pajjiżhom u dawn għandhom dritt ikunu hawnhekk.

L-MCP sostniet li l-maġġoranza ta’ dawk li qed jinżammu fiċ-ċentri tad-detenzjoni għaddew minn esperjenzi trawmatizzanti li minħabba f’hekk ikollhom bżonn l-aħjar kura u ambjent biex jgħixu fih u jkunu jistgħu jimxu ‘l quddiem. Ħafna kellhom jgħaddi minn trattament inuman u degradanti minħabba reliġjon, twejewmmin politiku, etniċità jew sesswalità tagħhom.

L-MCP qalet li riċerka turi li n-nuqqas ta’ kontroll li wieħed ikollu fuq dak li jiġri f’ħajtu jħalli impatt negattiv fuq is-saħħa fiżika u mentali tal-individwu. Hija qed tappella biex il-Gvern Malti u s-soċjetà ċivili jassiguraw li l-valur tal-ħajja umana u d-dinjità ta’ dawn in-nies ma jintilfux fl-ambjent li qed jinżammu fih u li ċ-ċentri ta’ detenzjoni għandhom jipprovdu kundizzjonijiet umani.