Malta tista’ titlef postha mil-lista ta’ pajjiżi siguri għat-turisti Irlandiżi

Miguela Xuereb

Malta qiegħda f’riskju li titlef postha mil-lista ta’ pajjiżi li l-Irlanda qiegħda tikkunsidra bħala siguri biex iżuruhom l-Irlandiżi.

F’rapport fuq The Irish Independent ġie spjegat li Malta qed taffaċċja dan ir-riskju minħabba l-qabża kbira fil-każijiet tal-coronavirus, billi r-rata ta’ każijiet f’Malta f’ġimagħtejn kienet dik ta’ 6.9 għal kull 100,000 persuna, filwaqt li tal-Irlanda hija ta’ 5.3 għal kull 100,000 persuna.

Il-lista li tqis liema pajjiżi huma siguri għat-turisti Irlandiżi sabiex dawn jivvjaġġaw fihom mingħajr ma jagħmlu kwarantina meta jirritornaw qiegħda tiġi emendata kull ġimagħtejn.

F’Malta sal-bieraħ kien hawn 140 każ attiv tal-coronavirus, qabża ġmielha mill-4 każijiet attivi fl-20 ta’ Lulju. Minn dawn 55 każ kienu ta’ Maltin jew persuni fil-komunità Maltija, filwaqt li 85 każ kienu fost l-immigranti li ddaħħlu Malta mill-baħar fl-aħħar jiem.

Ir-rapport Irlandiż jgħid li l-Gvern x’aktarx mhuwiex se jinkludi reġjuni bħal Spanja li għandu rata ta’ infezzjonijiet ta’ 49.2 għal kull 100,000 persuna. Spanja appellat lill-Irlanda sabiex il-gżejjer tagħha Majorka, Ibiża u l-Gżejjer Kanarji, jiġu inklużi fil-lista billi f’dawn il-gżejjer m’hemmx rata għolja ta’ infezzjonijiet.

Minħabba li l-każijiet żdiedu ferm f’Malta, ilbieraħ il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar miżuri ġodda fuq attivitajiet tal-massa, billi, pereżempju, il-marċi tal-festi mhux se jitħallew isiru, u f’avvenimenti kbar, irid ikun hemm persuna waħda f’kull erba’ metri kwadri u l-gruppi jista’ jkun fihom sa 10 persuni. Dawn ma jistgħux jitħalltu ma’ gruppi oħra.

Il-Gvern introduċa dawn il-miżuri mil-lum minflok ma sema’ l-appelli tad-diversi entitajiet li talbu li l-attivitajiet tal-massa jieqfu għalkollox. Din il-ġimgħa qam it-tħassib f’Malta meta sar magħruf li das-sajf se jsiru erba’ festivals tal-mużika li jattiraw lill-barranin. Dawn il-festivals tħassru minn pajjiżi oħrajn minħabba l-imxija tal-coronavirus.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) irreaġixxiet għall-miżuri l-ġodda billi qalet li tajjeb li daħlu dawn il-miżuri, iżda ħasset li dan mhuwiex biżżejjed biex titrażżan l-imxija tal-coronavirus.