Malta tista’ titlef mal-€179 miljun f’fondi Ewropej

Figuri preliminari maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea qed juru li Malta hemm ċans li titlef madwar €179 miljun f’fondi ta’ Koeżjoni.
L-istqarrija stampa mill-Kummissjoni turi li Malta se tkun qed tirċievi madwar €673 miljun mill-Fond ta’ Koeżjoni bejn l-2021 u l-2027, bil-possibiltà li l-figura tinżel għal madwar €597 jekk il-fondi jiġu bbażati fuq prezzijiet tal-2018.
Meta wieħed iqabbel mal-perjodu preċedenti, jiġifieri dak bejn l-2013 u l-2020, Malta kienet innegozzjat madwar €800 miljun mill-istess fond.
Fl-istqarrija mill-Kummissjoni Ewropea, qalet kif l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea qiegħda tirpilja, iżda temmen li hemm bżonn sforzi addizzjonali ta’ investiment biex jiġu indirizzati d-diverġenzi persistenti bejn stat membru u ieħor, kif ukoll fi ħdan l-istess stati membri.
Il-baġit totali huwa dak ta’ €373 biljun għall-2021 u l-2027, fejn sostnew li r-riżorsi se jkomplu jiġu ffukati lejn dawk ir-reġjuni li jeħtieġu l-iktar li jlaħħqu mal-bqija tal-Unjoni Ewropea.
“Malta tilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni” – Ministeru għall-Ekonomija
Il-Ministeru għall-Ekonomija spjega li l-Gvern Malti jilqa’ l-proposta tal-budget li ħadmet fuqu l-Kummissjoni.
Fi stqarrija spjega li minkejja li jidher li l-fondi lejn Malta se jonqsu, wieħed irid jikkunsidra li għal din id-darba se jkun hemm anqas fondi allokati għall-Politika tal-Koeżjoni fl-Unjoni Ewropea, primarjament minħabba Brexit.
Sostnew ukoll li dan mhux l-ammont totali ta’ kemm Malta se tirċievi f’fondi mill-Unjoni Ewropea hekk kif il-bqija tas-setturi bħall-agrikoltura, l-Erasmus+, l-immigrazzjoni u s-sigurtà se jiġu konklużi l-fondi għalihom fil-jiem li ġejjin.
X’inhuma l-karatteristiċi ewlenin tal-Kummissjoni għall-Politika ta’ Koeżjoni modernizzata?

  1. Il-biċċa l-kbira tal-investimenti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni huma allokati għall-innovazzjoni, l-appoġġ għan-negozji ż-żgħar, it-teknoloġija diġitali u l-modernizzazzjoni industrijali. Se jkunu allokati wkoll lejn il-bidla għal ekonomija ċirkulari b'karbonju baxx u l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, biex jintlaħqu l-miri tal-Ftehim ta' Pariġi.
  2. Se tiġi mfassla Politika ta’ Koeżjoni għar-reġjuni kollha, jiġifieri tinkludi benefiċċji għal reġjuni li għadhom lura f’termini ta’ tkabbir u dħul, kif ukoll approċċ iżjed speċifiku għall-iżvilupp reġjonali. Il-Politika ta' Koeżjoni żżomm tliet kategoriji ta' reġjuni: reġjuni inqas żviluppati, fi tranżizzjoni u iktar żviluppati. Dan sabiex jiġi assigurat li jitnaqqsu d-diverġenzi u biex ir-reġjuni bi dħul u tkabbir baxx ilaħħqu mal-kumplament.
  3. Li jkun hemm inqas regoli, li jkunu aktar ċari u iqsar, kif ukoll qafas aktar flessibli. Dan billi ssir simplifikazzjoni tal-aċċess għall-fondi, ikun hemm ġabra unika tar-regoli għall-fondi kollha tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċans li l-programmi jiġu addattati għall-ħtiġijiet.
  4. Rabta aktar qawwija mas-Semestru Ewropew, sabiex jittejjeb l-ambjent tal-investiment fl-Ewropa.

Ara hawn taħt il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għall-baġit ġdid tal-Unjoni Ewropea fuq perjodu twil ibbażati fuq il-prezzijiet tal-2018 kemm attwali, kif ukoll kostanti.