Malta tissieħeb f’missjoni biex jonqos il-plastik

Malta ssieħbet ma’ 39 stat ieħor f’kampanja tal-Ġnus Magħquda bil-għan li jonqos il-plastik madwar id-dinja, b’mod speċjali fil-baħar.
Il-kampanja Ibħra Ndaf tnediet bil-għan li jonqos l-użu ta’ oġġetti tal-plastik billi jitjieb l-immaniġġjar tal-użu tal-plastik industrijali. Il-kampanja qed tipprova telimina wkoll l-użu ta’ plastik mhux rekuperabbli, bħal biċċiet tal-plastik li jkunu inqas minn 5mm (microplastic).
Il-kampanja qed tfittex li tindirizza l-kawża primarja ta’ din il-problema permezz ta’ strateġija mifruxa fuq ħames snin li tinvolvi l-edukazzjoni u l-involviment taċ-ċittadini, kollaborazzjoni mal-Gvernijiet u s-settur privat, motivazzjoni tar-replikazzjoni u t-tkabbir tal-proġett madwar id-dinja kollha. 
Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera kellu laqgħa mal-Kap tar-Rappreżentanza Pubblika u l-Komunikazzjoni tal-Programm dwar l-Ambjent tal-Ġnus Magħquda Sam Barratt dwar din il-kampanja. Il-Ministru tkellem dwar kif il-kampanja se jkollha benefiċċji tajbin għall-baħar kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem.
Malta hija l-40 stat li ssieħeb f’din il-kampanja.
Ritratt: MESDC