Malta tirreġistra t-tieni l-ikbar żieda tas-CO2

Malta kellha t-tieni l-ikbar żieda tal-gass dijossidu tal-karbonju (CO2) mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa l-gass ewlieni li jikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima.

Fi statistika maħruġa mill-Eurostat instab li l-emissjonijiet tas-CO2 naqsu fl-Unjoni Ewropea fl-2018 meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Permezz tal-istħarriġ tal-Eurostat instab li l-emissjonijiet fl-UE tnaqqsu b’2.5%.

Iżda tmien stati membri tal-Unjoni Ewropea rreġistraw żieda fl-emissjonijiet.

Il-Latvja rreġistrat l-iktar żieda b’8.5% b’Malta tirreġistra żieda ta’ 6.7%. L-istati membri li rreġistraw żieda huma Estonja (4.5%), il-Lussemburgu (3.7%), il-Polonja (3.5%), Slovakkja (2.4%), Finlandja (1.9%) u l-Litwanja (0.6%).

L-akbar tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 kienu rreġistrati fil-Portugall b’9% u l-Bulgarija b’8.1%.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien ħabbar li Malta se tkun qed taqleb għall-użu tal-vetturi elettriċi. Il-Ministru għat-Tibdil tal-Klima Jose Herrera kien ħabbar ukoll li l-vetturi li se jinxtraw jew jinkrew mis-settur pubbliku u minn entitajiet pubbliċi oħrajn iridu jkunu dawk li ma jiġġenerawx emissjonijiet fl-arja.

Il-kelliem għas-Saħħa tal-Partit Nazzjonalista Stephen Spiteri qal li ż-żieda fl-imwiet minn mard respiratorju hi effett taż-żieda tat-tniġġis. Huwa qal li ż-żieda fit-tniġġis hi effett taż-żieda fit-traffiku bl-ammont tal-karozzi li dejjem jiżdiedu fit-toroq kawża taż-żieda fil-popolazzjoni bla pjan.

AQRA: Daqshekk xiri ta’ karozzi tal-fossil fuels meta naqilbu għal dawk bl-elettriku – Muscat

AQRA: Sal-2030 karozzi elettriċi biss għall-Gvern