Aġġornata: Malta tirreġistra surplus ta’ €100 miljun

Is-surplus tal-Gvern fl-2016 laħaq ftit aktar minn €100 miljun.
Ċifri tal-Eurostat juru li Malta kienet fost 11-il pajjiż tal-Unjoni Ewropea li temmet is-sena finanzjarja tagħha b’surplus fil-baġit tal-Gvern.
Malta kellha t-tieni l-aktar surplus għoli fl-UE wara l-Lussemburgu.
Dan hekk kif il-Lussembrugu rreġistra surplus ta’ 1.6% tal-prodott Domestiku Gross, filwaqt li Malta rreġistat 1%.
Skont iċ-ċifri msemmija juru li fit-tmiem l-2016, Mata kellha dejn ta’ 58% tal-Prodott Domestiku Gross. 
F'konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja flimkien mal-Ministru Edward Scicluna,  il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li t-triq biex minn deficit il-pajjiż jasal għal surplus ta’ €100 miljun ma kinitx faċli.
Qal li dan il-profit inkiseb waqt li traħħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u mingħajr ma tkeċċew ħaddiema jew tnaqqsu xi benefiċċji.
Dr Muscat spjega li l-ħidma li jmiss issa hi fid-deficit tal-infrastruttura.
Ix-xahar li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta rreġistrat rekord ekonomiku f'35 sena.