Malta tirreġistra l-akbar żieda fil-popolazzjoni fl-UE

Miguela Xuereb

Il-popolazzjoni ta’ Malta telgħet għal kważi nofs miljun skont l-aħħar statistiċi tal-Eurostat. Il-pajjiż kellu l-akbar żieda fil-popolazzjoni fl-istati membri tal-UE. Malta rat żieda ta’ 36.8 għal kull 1,000 resident.

L-akbar żidiet fil-popolazzjoni fl-istati membri tal-UE kienu osservati f’Malta, fil-Lussemburgu (19.6 għal kull 1,000 resident), l-Irlanda (15.2 għal kull 1,000 resident), iċ-Ċipru (13.4 għal kull 1,000 resident), l-Iżvezja (10.8 għal kull 1,000 resident), u is-Slovenja (6.8 għal kull 1,000 resident).

L-akbar tnaqqis fil-popolazzjoni kien osservat fil-Latvja. Wara kien hemm il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Rumanija, u l-Litwanja.

Il-popolazzjoni totali ta’ Malta u Għawdex hija stmata għal 493,559 sal-aħħar tal-2018. Dan ifisser żieda ta’3.8% meta mqabbel mal-2017.

Skont l-istatistiċi tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), fl-2018 il-popolazzjoni żdiedet l-aktar minħabba l-immigrazzjoni.