Malta tirċievi €120 miljun mill-UE minħabba l-pandemija

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

Read in English.

Il-Kummissjoni Ewropea għaddiet lil Malta €120 miljun biex tgħin fil-mitigazzjoni tal-qgħad kawża tal-pandemija tal-coronavirus. Permezz tal-programm SURE, l-Unjoni Ewropea (UE) qassmet €14-il biljun lil disa’ stati membri.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen qalet li t-tieni mewġa qed tolqot lill-Ewropa b’mod aħrax. Sostniet li l-Unjoni Ewropea qiegħda hawn biex toffri s-sapport. “Irridu nipproteġu lin-nies mill-virus u rridu nipproteġu wkoll ix-xogħlijiet tagħhom, hekk kif din il-kriżi taffettwa lin-negozji wkoll. Ħafna xogħlijiet jinsabu f’riskju. Bl-iskema SURE, qed nimmobilizzaw €100 biljun f’self lil pajjiżi Ewropej biex jiffinanzaw skemi dwar ix-xogħol. It-tieni tqassim ta’ €14-il biljun se jgħin lill-ħaddiema biex ikollhom dħul.”

Dan is-sapport, li qed jingħata abbażi ta’ termini favorevoli, se jkun qed jassisti lill-Istati Membri biex jindirizzaw iż-żieda fl-ispiża pubblika biex ikunu ppreservati l-impjiegi li tpoġġew f’riskju mill-pandemija, inkluż lis-self-employed.

Il-Kummissarju Johannes Hahn, li huwa nkarigat mill-baġit u l-amministrazzjoni qal li dan il-programm kien ta’ suċċess u li jinsab kuntent li b’riżultat tiegħu, iċ-ċittadini Ewropej qed jirċievu s-sapport meħtieġ.

Il-€120 miljun li rċeviet Malta se jtellgħu l-ammont totali ta’ assistenza għal Malta għal €244 miljun.