Malta tipproduċi 2,500 tunnellata ta’ skart tal-ħġieġ fis-sena

Matul ix-xahar li għadda ġew esportati 1,750 tunnellata ta’ ħġieġ lejn il-Portugall. Dan il-ħġieġ issa se jiġi riċiklat sabiex jerġa’ jiġi użat mill-industrija tax-xorb fost oħrajn. Il-ħġieġ inġabar minn sorsi differenti li jinkludu l-miżbla magħluqa ta’ Wied Fulija kif ukoll bring-in sites u Ċentri għall-Iskart Goff madwar Malta u Għawdex.

Il-kumpannija Wasteserve qalet li l-ħġieġ huwa materjal li mhux faċilment jiġi esportat għar-riċiklaġġ, billi d-domanda għal dan il-materjal riċiklat hija baxxa.

Malta tipproduċi 2,500 tunnellata ta’ skart tal-ħġieġ fis-sena. Komparat ma’ materjali oħra, dan huwa ammont pjuttost żgħir u għalhekk mhuwiex vijabbli li l-esportazzjoni tal-ħġieġ isir b’mod regolari daqs l-esportazzjoni tal-plastik, karti u metall.