​Malta ‘tinteressa’ lill-Kummissjoni Taljana Anti-Mafja

Il-Kap tal-Kummissjoni Taljana kontra l-Mafja Rosy Bindi qalet li Malta ilha tqajjem interess fil-kummissjoni mmexxija minnha.
Waqt li kienet qed tattendi l-quddiesa ċċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna għal ruħ Daphne Caruana Galizia, Rosy Bindi qalet li l-Italja għaddiet minn dawn it-tip ta' assassinji.
Hija kienet qed tirreferi għall-assassinju tal-Maġistrati Giovanni Falcone u Paolo Borsellino, it-tnejn assassinati għax kienu qed jinvestigaw lill-Mafja.
Bindi qalet li għalkemm 'la pista Libica', jiġifieri l-possibbiltà ta' involviment Libjan fil-qtil ta' Caruana Galizia, huwa ta' min jinvestigah, semmiet li hemm ħafna truf oħra, anke minħabba li Daphne Caruana Galizia kienet kitbet fuq diversi attivitajiet illeċiti.
Qalet li issa huwa l-mument li fih l-investigaturi jridu jagħmlu xogħolhom.
Rosy Bindi sostniet li traġedji bħall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għandhom iservu biex il-popli jingħaqdu flimkien u jagħtu sinjal ċar kontra l-kriminalità.
Qalet li sa issa m’hemmx evidenzi li hemm rabtiet bejn it-traffikar taż-żejt illegali fil-Mediterran u l-qtil tal-ġurnalista Maltija, iżda appellat biex il-Maġistratura titħalla tagħmel xogħolha.
Sostniet li attendiet għal din it-tifkira biex turi solidarjetà mal-familja Caruana Galizia kif ukoll mal-pajjiż kollu.