Malta tintalab tipprovdi skeda għal tmiem l-indħil politiku

Il-Kummissjoni Ewropea qed tħeġġeġ lil Malta biex iddaħħal miżuri sabiex jintemm l-indħil politiku fil-proċeduri kriminali. Din it-talba qed issir fid-dawl tal-iżviluppi dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Didier Reynders qal li permezz ta’ dawn l-iżviluppi, ħareġ li hemm problemi fis-sistema ġudizzjarja f’Malta. F’ittra lill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, Reynders talbu biex jipprovdi skeda ta’ kif se tissaħħaħ l-indipendenza tas-sistema tal-ħatriet tal-ġudikatura kif ukoll ta’ prosekuzzjoni aktar b’saħħitha.

Fl-ittra tiegħu Reynders qal li għandu jkun hemm prosekuzzjoni aktar effettiva u awtonoma ‘il bogħod mir-riskju li jkun hemm interferenza politika.

Spjega li huma jinsabu mħassba dwar kif il-Prim Ministru Joseph Muscat għadu Prim Ministru minkejja r-rivelazzjonijiet inkwetanti li ħarġu fl-aħħar jiem dwar il-Gvern immexxi minnu.

L-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri ġie arrestat u interrograt mill-Pulizija f’Novembru li għadda. Huwa nħeles mill-arrest mingħajr l-ebda akkuża b’rabta ma’ dan l-assassinju.

Yorgen Fenech in-negozjant li qed jiġi akkużat b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista qal fil-Qorti li huwa rċieva l-informazzjoni dwar din l-investigazzjoni mingħand Keith Schembri. Fenech wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.