Malta tingħata Grad “A” minn aġenzija internazzjonali ta’ credit rating

Il-Ministeru għall-Finanzi qal li fl-ewwel rating li tat lil Malta, l-aġenzija internazzjonali DBRS tatha grad “A”. 
Intqal li skont l-esperti Amerikani ta’ din l-aġenzija, dan ir-rating jirrefletti t-tkabbir ekonomiku b’saħħtu ta’ Malta kif ukoll il-progress li sar fejn jidħol tnaqqis fid-defiċit u fid-dejn nazzjonali.
Fi stqarrija, l-Ministru għall-Finanzi qal li l-aġenzija DBRS faħħret il-qasam tax-xogħol f’Malta u l-inċentivi li l-Gvern jagħti lill-industrija, speċjalment fejn jidħol investiment dirett barrani.
Fl-istess waqt jisħqu dwar il-bżonn li titjieb is-sistema edukattiva u li jiżdied it-taħriġ tal-ħaddiema.
Tirreferi wkoll b’mod pożittiv għar-ristrutturar tal-kumpaniji pubbliċi li sar dan l-aħħar partikolarment fl-Enemalta
L-aġenzija DBRS qed tbassar li l-ekonomija Maltija se tikber bi 3.3% filwaqt li d-dejn jinżel għal 68% tal-ġid nazzjonali.