Malta tingħaqad f’kampanja internazzjonali kontra t-traffikar uman

Malta ngħaqdet mal-kampanja internazzjonali kontra t-traffikar uman bl-isem ta’ Blue Heart. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u mis-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-okkażjoni tal-Jum Dinji kontra t-Traffikar ta’ Persuni, li jiġi ċċelebrat fit-30 ta’ Lulju.  

Malta se tkun qiegħda tagħti €10,000 bħala l-ewwel kontribut finanzjarju lill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC), apparti numru ta’ inizjattivi fuq livell lokali maħsuba biex titqajjem aktar kuxjenza dwar dan is-suġġett.

Il-UNODC qalet li l-miżuri li ttieħdu fl-aħħar xhur minħabba l-imxija tal-COVID-19 qegħdin iżidu r-riskju għall-persuni vittmi tat-traffikar, bħal nisa u tfal, biex jiġu traffikati għal sfruttament sesswali jew sfruttament ta’ ħidma kif ukoll għar-reklutaġġ tat-tfal suldati, filwaqt li ċ-ċrieki ta’ kriminalità organizzata jkomplu japprofittaw minn din is-sitwazzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar tkellmet dwar l-importanza li jiżded l-għarfien dwar it-traffikar uman. Żiedet li dan huwa reat u f’Malta l-maġġoranza tal-vittmi huma nisa li jiġu traffikati għal skopijiet ta’ xogħol u prostituzzjoni. Cutajar qalet li l-Gvern huwa kommess li jaħdem bis-sħiħ biex jiġġieled din ir-realtà.

Il-Ministru Evarist Bartolo tkellem dwar l-azzjonijiet li ħadet Malta fuq livell internazzjoni kontra t-traffikar ta’ persuni. Żied li Malta se tkompli l-ġlieda tagħha biex jieqaf l-isfruttar ta’ xogħol, biex tipproteġi l-vittmi u joffru aċċess għar-rimedju.

Malta ssieħbet uffiċjalment fil-‘Blue Heart Campaign’ fit-23 ta’ Lulju; kampanja internazzjonali li tqajjem kuxjenza biex jittejbu l-isforzi globali fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni u l-impatt ta’ dan il-fenomenu fuq is-soċjetà. ‘Blue Heart’ qed ssir iktar magħrufa wkoll bħala s-simbolu kontra t-traffikar tal-persuni, fejn fuq naħa tirrappreżenta s-sofferenza tal-persuni traffikati u fuq in-naħa l-oħra l-qalb kiefra tat-traffikanti.