Malta tilqa’ l-arrest ta’ traffikant tal-bnedmin fil-Libja

Read in English.

Il-Gvern Malti laqa’ l-arrest ta’ kap tal-milizzja Libjan – Abdulrahman Milad, magħruf ukol bħala Al Bija – li jinvolvi ruħu wkoll fit-traffikar tal-bnedmin u fil-kuntrabandu taż-żejt.

L-arrest sar mill-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali tal-Libya, u f’kummenti li ta lil Newsbook.com.mt, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo faħħar lill-Ministru għall-Intern Libyan Fathi Bashaga talli ħa “pass kuraġġuż” meħtieġ biex jiġi arrestat Al Bija.

Il-ministru spjega li Al Bija qiegħed taħt arrest preventiv sakemm jiġi mressaq il-qorti.

Qal ukoll li Bashaga kien qed juri kuraġġ bil-mod kif kien qed jibni l-istituzzjonijiet tal-istat Libyan u jsaħħaħ is-saltna tad-dritt. Faħħru wkoll għall-azzjonijiet kontra gruppi armati li kienu qed jitterrorizzaw il-pajjiż.

A Bija kien kmandant tal-gwardja tal-kosta Libjana f’Zawiya u kap tal-milizja li kien nominalment alleat mal-gvern tat-Tripoli. Minkejja dan, ġie arrestat ftit il-bogħod mill-kapitli Libjana.

L-arrest tħabbar mill-media Libjana, u ġie kkonfermat indipendentement mill-media Taljana.

Il-Ġnus Magħquda jqisu lil Al Bija bħala wieħed mit-traffikanti tal-bnedmin ewliena tal-Libja, fejn refuġjati u dawk li jfittxu l-ażil jispiċċaw jaħdmu taħt skjavitù qabel ma jispiċċaw fuq dgħajjes qodma biex jippruvaw jaslu l-Ewropa.

Għalkemm Al Bija kien akkużat b’reati kontra l-umanità fil-passat, baqa’ għaddej bl-attivitajiet kriminali tiegħu, anke bħala membru uffiċjali tal-gwardja tal-kosta.

Il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda akkużaw lil Al Bija li għerreq dgħajjes bl-immigranti fuqhom bl-armi tan-nar, u li interċetta immigranti li ttieħdu f’ċentri ta’ ditenzjoni taħt kundizzjonijiet brutali meta kien imexxi l-gwardja tal-kosta f’Zawiya.

Is-sena l-oħra, il-gazzetta Taljana Avvenire kixfet li Al Bija kien mar laqgħa fuq l-immigrazzjoni li saret fl-Italja, li kienet imtella’ mill-gvern Taljan u mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni.

L-istess gazzetta ppublikat ritratti fejn Al Bija jidher jisraq magna minn dinghy li kien qed jintuża minn immigranti salvati mill-baħar.