Filmat: “Malta tilfet l-Indipendenza” – Delia

PN

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal fil-Parlament li Malta tilfet l-indipendenza. “Tlifna l-indipendenza għaliex l-organi tal-istat tagħna m’għadhomx indipendenti. Dan huwa abbuż tas-sistema demokratika. Dan huwa mod ta’ kif pajjiż ma jibqa demokratiku. Dan l-abbuż ta’ poter sar bi pjan.”

Delia tkellem wara li l-Ispeaker fir-ruling tiegħu ma aċċettax li l-Parlament jiddibatti s-sitwazzjoni preżenti fil-pajjiż bl-aħħar żviluppi bil-każ tal-assassinju Daphne Caruana Galizia.

Kompla jgħid li Malta hija Repubblika Demokratika. Żied jgħid li dan il-kliem inkiteb meta Malta qajla kienet bdiet il-vjaġġ tagħha. Huwa qal li fil-kostituzzjoni, poġġejna r-ruħ politika ta’ Malta. “Li tkun demokrazija tfisser li pajjiż jemmen fis-saltna tad-dritt. Id-demokrazija u s-saltna tad-dritt huma żewġ naħat tal-istess munita”, kompla jgħid.

Akkuża lill-Gvern li qed jikser l-ewwel provediment tal-Kostituzzjoni ta’ Malta. “Qegħdin hawn għax irridu li ssir ġustizzja. Irridu li min wettaq dan id-delitt jieħu dak li ħaqqu bil-liġi. Irridu li l-investigazzjonijiet ma jkunux imtappna mill-politiċi. Mhux se ngħidu kif il-Pulizija għandha tagħmel xogħolha, imma kif il-politiku għandu jagħmel xogħlu.”

Dr Delia fakkar li meta kien Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat kien iktar konxju tal-linja bejn il-Pulizija u l-politiċi. “Għal telefonata inokwa, bejn l-eks Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi mal-Kummissarju tal-Pulizija, kien talab għar-riżenja ta’ Gonzi”.  Huwa spjega li llum Joseph Muscat ġab lill-Kummissarju tal-Pulizija ornament. Huwa qal li Prim Ministru m’għandu qatt jindaħal f’investigazzjonijiet, iktar u iktar meta jkollok investigazzjonijiet li jikkonċernaw nies viċin tal-Prim Ministru.

Delia qal li l-proċess tal-ħtif tal-isitituzzjonijiet ilu għaddej. Beda mill-ewwel ġranet li ġie elett, bit-tneħħija tas-Segretarji Permanenti, tibdiliet fl-ogħla livelli tal-Armata, kif konfermat mill-Ombudsman. L-istess ġara fil-Pulizija. Kien hemm ħames Kummissarji tal-Pulizija li wieħed għandu jifhem għalfejn kien hemm dawn it-tibdiliet, fosthom ir-riżenja tal-Kummissarju Michael Cassar, wara li fuq l-iskrivanija tiegħu kellu rapport tal-FIAU biex jibdew proċeduri kriminali kontra Keith Schembri, il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

“Kien hemm serje ta’ rapporti mill-FIAU fuq ħasil ta’ flus u l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali ma’ għamlu xejn. Dak li qed jiġri llum, huwa riżultat tal-uniku roadmap li kellu Muscat, biex jaħtaf il-poter b’mod assolut”.

Delia qal li l-poplu għandu dritt x’kont taf int f’dawn l-aħħar sentejn, u jekk dak li kont taf tajtux lill-pulizija. Huwa saħaq li l-Oppożizzjoni ilha snin taħdem biex treġġa’ lura lill-pajjiż fit-triq il-ħażina.

Is-seduta ġiet interrotta u marret għal ħin tal-aġġornament. L-aġġornament kien mressaq mill-Ministru Joe Mizzi.

Malta jixirqilha aħjar minn Gvern li ma jridx jisma’ lin-nies

Intant, huwa u ħiereġ mill-Parlament, Dr Adrian Delia ta kumment lill-ġurnalisti. Saħaq li Malta jixirqilha aħjar minn Gvern li ma jridx jisma’ lin-nies.

Filmat: Miguela Xuereb

Adrian Delia qal li Malta tinsab f’sitwazzjoni fejn il-poplu u s-soċjetà ċivili jitkellmu fuq dak li qed jiġri, filwaqt li l-Gvern jagħżel li jibqa’ sieket u ma jridx diskussjoni fil-Parlament dwar dak li sejjaħ mument delikat għall-pajjiż. Saħaq li qed tiġi kkalpestata s-separazzjoni tal-poteri u l-Gvern jibqa’ jirrifjuta darba wara l-oħra li jagħmel dibattitu fil-Parlament.