Malta tikseb punt ieħor fil-UEFA Nations League

It-tim nazzjonali Malti rnexxielu jikseb punt barra minn daru wara li l-logħba kontra l-Ażerbajġan intemmet fi draw ta’ 1-1.

Kienu l-Maltin li marru fil-vantaġġ hekk kif il-midfielder Rowen Muscat skurja fis-37 minuta. L-Ażerbajġan, li jinsabu fit-tieni post fi Grupp 3 b’sitt punti, kisbu d-draw fil-bidu tat-tieni taqsima grazzi għal Araz Abdullayev.

L-Ażerbajġan kellhom ħafna mill-pussess tal-ballun u ħolqu bosta attakki iżda t-tim Malti żamm sod sabiex evita t-tielet telfa f’erba’ logħbiet. Fit-tieni taqsima l-Maltin kienu wkoll sfortunati meta l-ballun ħabat mal-lasta wara xutt ta’ Juan Corbalan.

Il-logħba li jmiss fil-UEFA Nations League għat-tim immexxi minn Ray Farrugia se tkun kontra l-Kosovo u ser tintlagħab ġewwa l-grawnd nazzjonali f’ Ta’ Qali fis-17 ta’ Novembru.