Malta tikseb it-tieni post f’kompetizzjoni Ewropea għall-bliet kulturali

Malta ġiet fit-tieni post f’kompetizzjoni Ewropea fi Franza li evalwat filmati li urew l-identità kulturali tal-pajjiżi differenti.
Il-filmat Malti kellu l-isem “Valletta hi l-Orkestra tiegħi” u ġabar flimkien uħud mill-attivitajiet kulturali differenti li jseħħu fil-belt kapitali.
Ir-rebbieħa kienet il-belt ta’ Budapest fl-Ungerija. B’kollox, ġew ippreżentati filmati minn 30 belt minn 20 pajjiż differenti li ġew evalwati minn ġurija ta’ 8 personalitajiet Franċiżi mid-dinja tat-turiżmu u miċ-ċinema.
L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu ħadet sehem f’dan l-ewwel Festival Ewropew għat-Turiżmu u l-Istrateġija li sar f’Rueil Malmaison, qrib Pariġi, fl-ewwel jiem ta’ Ġunju. Fl-istess żmien, organizzat attivitajiet oħra li permezz tagħhom irreklamat lil Malta għal skopijiet ta’ turiżmu.
It-tieni edizzjoni tal-festival se ssir f’Ġunju tas-sena d-dieħla, f’Dubrovnik fil-Kroazja.
L-MTA qalet ukoll li l-Belt Valletta ntagħżlet minn krù televiżiv, li kien qed jiġbed filmati tal-festival fi Franza, li se jagħmel servizz dwarha għall-istazzjon televiżiv fuq l-internet “Men’s Up”. Għal dan il-għan se jkun qed iżur Malta iktar tard dan ix-xahar.