Malta tikseb id-dritt li tħallas l-għajnuna lill-bdiewa u raħħala skont il-produzzjoni

Bdiewa u raħħala Maltin se jibbenefikaw mill-għajnuniet marbuta mar-Riforma Ewropea tal-Politika Agrikola Komuni 2014-2020.

Dan wara l-ewwel parteċipazzjoni tas-Segretarju Parlamentari għall-Biedja Roderick Galdes fil-Kunsill tal-Ministri tal-Biedja u Sajd Ewropej.

Fil-qafas tan-negozjati, Malta esponiet żewġ punti kruċjal.

Sabiex tiġi assigurata l-għajnuna finanzjarja neċessarja lis-setturi sensittivi tar-raħħala u tat-tadam għall-ipproċessar fil-ġejjieni, Malta kisbet id-dritt li tħallas l-għajnuna neċessarja lil dawn il-bdiewa u raħħala, b’rabta mal-produzzjoni. B’hekk jiġi assigurat li huma jibqgħu jirċievu l-introjtu ġust marbut mal-attività tagħhom.

Malta irnexxiela wkoll tikkonvinċi lill-Kunsill tal-Ministri biex l-istatus tagħha bħala l-uniku pajjiż li t-territorju tiegħu kollu hu meqjus bħala żona żvantaġġata, jiġi aċċetat u inkluż li jagħmel parti mit-test legali fir-Regolament il-Ġdid dwar l-Izvilupp Rurali. B’hekk il-bdiewa Maltin u Għawdxin ser ikomplu jirċievu il-ħlas annwali marbut maż-żamma tal-art agrikola fi stat tajjeb, li permezz tiegħu il-biedja tkompli tissalvagwardja l-pajsaġġ rurali u l-ambjent.