Malta tikkwalifika għall-Kampjonat Ewropew tal-Waterpolo

Wirja kbira mit-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo tefgħet lill-Maltin fil-Kampjonati Ewropej tal-Waterpolo. Dan meta Malta għelbet lill-Belarus bl-iskor kbir ta' 16-9, fejn kif jindika r-riżultat, il-Maltin iddominaw lill-avversarji tagħhom tul il-partita kollha.
Fil-fatt, huma rebħu tliet sessjonijiet minn erbgħa bi tnejn minnhom jintrebħu mill-Maltin bl-iskor identiku ta' 5-2 u l-aħħar waħda 3-2 waqt li t-tieni sessjoni ntemmet f'parità ta' 3-3. Għall-Maltin spikkaw fost oħrajn il-captain Stevie Camilleri, il-goalkeeper Niki Grixti, Mattew Zammit u l-Franċiż naturalizzat Malti, Aurelien Cousin.
B'hekk il-Maltin kisbu l-passaport għall-Kampjonati Ewropej tal-Waterpolo li se jsiru f' Barcelona fi Spanja f'Lulju li ġej.
Din se tkun it-tieni darba konsekuttiva li Malta se tkun qed tieħu sehem f'dawn il-Kampjonati Ewropej meta sentejn ilu f'Belgrad fis-Serbja, Malta kienet temmet fil-15-il post.
“Okkażjoni oħra sabiex il-poplu jingħaqad wara l-bandiera Maltija” – PL
Filwaqt li awgura lit-tim nazzjonali Malti tal-Waterpolo, il-Partit Laburista saħaq li din se tkun okkażjoni oħra fejn il-poplu jingħaqad wara l-bandiera Maltija.
Il-PL kompla billi faħħar lill-President tal-Aquatic Sports Association (ASA), Joe Caruana Curran u l-kowċ Karl Izzo.
“It-tim Malti fost l-aqwa Ewropej” – PN
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Isport, Ryan Callus, qal li t-tim Malti se jkun fost l-aqwa timijiet Ewropej fil-waterpolo.
Huwa awgura l-aqwa suċċess lill-atleti Maltin li jiffurmaw part mit-tim nazzjonali, kif ukoll lill-kowċ Karl Izzo u l-uffiċjali kollha għall-Kampjonat Ewropew.
Ritratt: Miriam Dalli