Malta tikkunsidra miżuri oħra qabel id-detenzjoni

Malta tikkunsidra li ddaħħal miżuri qabel id-detenzjoni ta’ immigranti irregolari li jaslu fil-pajjiż, meta tidħol fis-seħħ direttiva tal-UE f’nofs is-sena d-dieħla.
Rappreżentant tal-Ministeru tal-Intern qal dan f’laqgħa tal-Kumitat tad-Drittijiet Umani fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda.
Dan wara li Malta, flimkien ma’ 5 pajjiżi oħra, qed jidhru quddiem in-Nazzjonijiet Magħquda biex jispjegaw għadd ta’ punti dwar drittijiet ċivili u politiċi, b’rabta ma’ sitwazzjonijiet ta’ immigranti fil-pajjiż.
Ir-rappreżentant tal-Ministeru tal-Intern qal li Malta qed tikkunsidra li immigranti irregolari mhux bil-fors jinżammu mill-ewwel f’detenzjoni imma li jiddaħħlu miżuri, bħal li wieħed jirrapporta ruħu b’mod regolari.
Il-Jesuit Refugee Service, fost għaqdiet oħra, ilhom jappellaw lill-awtoritajiet Maltin biex id-detenzjoni titħalla bħala l-aħħar alternattiva.
Minkejja li bil-liġi, f’Malta d-detenzjoni tista’ tkun sa massimu ta’ 12-il xahar, kien hemm każijiet fejn immigranti li applikaw għal stat ta’ refuġjat inżammu sa 18-il xahar.