Malta tikkundanna l-vjolenza fil-Lvant Nofsani

Il-Gvern Malti esprima tħassib dwar iż-żieda fil-vjolenza fl-Iżrael u l-Palestina u ta l-kondoljonzi tiegħu lill-familji tal-vittmi.
Il-Gvern saħaq li Malta tikkundanna bla ebda riserva, kull attakk fuq ċivili, ġej minn fejn ġej.
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, George Vella, appella lil kull naħa biex irażżnu u ma jagħmlu ebda azzjoni li tkompli żżid il-vjolenza.
Saħaq li l-vjolenza, speċjalment kontra persuni innoċenti, għandha tieqaf u li m’għandhomx jintilfu iktar ħajjiet f’dan il-kunflitt.
George Vella tenna l-pożizzjoni ta’ Malta, li għandhom jissoktaw negozjati għal soluzzjoni ta’ żewġ stati, li hi l-unika triq għal paċi u sigurtà fit-tul. 
Is-sitwazzjoni bejn iż-żewġ popli eskalat fl-aħħar ġimagħtejn għal vjolenza ta' kull jum, b'vittmi fuq kull naħa. Il-Kabinett Iżraeljan, kmieni dalgħodu, ħabbar deċiżjonijiet li ħa tard billejl – li l-eżerċtu Iżraeljan jista' jagħlaq partijiet minn Ġerusalemm u nħawi fejn jgħixu Palestinjani
Anke l-Papa Franġisku, fl-aħħar jiem, appella għal trażżin fil-vjolenza u għal iktar paċi fir-reġjun