Malta tikkundanna l-aħħar żviluppi fil-Krimea

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella  ikkundanna l-aħħar żviluppi fil-Krimea u talab rispett lejn it-territorju u s-sovranità tal-Ukraina.
Il-Ministru Vella tkellem waqt il-laqgħa straordinarja tal-Ministru Barranin li saret illum fi Brussell u appella biex jiġu evitati azzjonijiet provokattivi.
Qal li Malta lesta tgħin biex ikun hemm iktar djalogu politiku u saħaq li għandhom jiġu osservati ċ-Charter tan-Nazzjonijiet Magħquda u kull ftehim ieħor internazzjonali.

Il-Ministru ħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex taħdem għall-istabilizzazzjoni tas-sitwazzjoni u ma jkunx hemm tensjonijiet żejda.
Temm jgħid li l-Unjoni Ewropea għandha tgħin lill-poplu Ukren biex jibni futur u jtella’ Gvern li għandu l-fiduċja sħiħa tiegħu.

Nhar il-Ħamis li ġej, il-Prim Ministru Joseph Muscat mistenni jattendi laqgħa tal-Unjoni Ewropea fejn il-mexxejja tal-pajjiżi se jiddiskutu l-pass li jmiss dwar il-kriżi bejn l-Ukraina u r-Russja.