Malta tiffirma l-ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima

Malta hi waħda mill-170 pajjiż li llum waranofsinhar iffirmat il-ftehim ta’ Pariġi  dwar it-tibdil fil-klima.
Dan il-ftehim ġie ffirmat fil-kwartieri ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York, fejn saret iċ-ċerimonja ta’ ffirmar.
Qatt ma kien hemm ftehim li ffirmawh daqshekk pajjiżi fl-ewwel jum li kien disponibbli. Huma ffirmaw fil-Jum iddedikat għad-Dinja, jum li fih jingħata appoġġ għall-protezzjoni ambjentali.
Wara li ffirmaw, il-pajjiżi għandhom formalment japprovaw il-ftehim ta’ Pariġi permezz tal-proċeduti domestiċi tagħhom. In-Nazzjonijiet Magħquda qalet li 15-il pajjiż, il-maġġoranza tagħhom gżejjer żgħir, jinsabu taħt theddida li partijiet minnhom jegħrqu minħabba li jogħla l-livell tal-baħar.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat iffirma f’isem Malta. Jakkumpanjah kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ambjent Leo Brincat.
Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda Ban Ki-Moon qal li l-era ta’ konsum mingħajr konsegwenzi għaddiet.
Il-ftehim se jidħol fis-seħħ meta 55 pajjiż li jippreżentaw mill-inqas 55% tal-emmissjoni globali formalment jingħaqdu fih.
L-Istati Uniti u ċ-Ċina, li flimkien huma responsbbli għal kważi 40% tal-emmissjonijiet globali, qalu li għandhom l-intenzjoni jingħaqdu iktar tard din is-sena.

Ritratt: DOI – Omar Camilleri