Malta tibqa’ mingħajr indikazzjoni ta’ kemm intilef xogħol minħabba l-Covid-19

Statistika fuq xogħol waqgħet lura xhur sħaħ

Għalkemm is-sena riesqa lejn tmiemha, għad m’hemm l-ebda informazzjoni fuq kemm setgħu ntilfu xogħlijiet Malta matul il-pandemija tal-Covid-19 hekk kif qed jiġi rreġistrat dewmien twil fil-pubblikazzjoni ta’ statistika importanti.

Filwaqt li n-numru ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol għadu jiġi ppublikat b’mod regolari – il-figuri għal Ottubru ġew ippubblikati fl-20 ta’ Novembru – dawn weħidhom ma jagħtux l-istampa kollha. Minkejja dan, il-gvern spiss jikkwota n-numru ta’ nies jirreġistraw – li minn 1,691 f’Jannar tela’ għal 4,409 f’Mejju u niżel għal 3,114 f’Ottubru – bħala sinjal li Malta rnexxielha tissalvagwardja x-xogħol.

Iżda l-figuri tal-qgħad biss ma jagħtu l-ebda indikazzjoni ta’ kemm intilfu xogħlijiet f’Malta waqt il-pandemija, peress li mhux kull xogħol li jintilef jirriżulta f’persuna tirreġistra għal xogħol ieħor.

Skont rapporti, hemm numru mdaqqas ta’ ħaddiema barranin telqu lura lejn art twelidhom hekk kif tilfu xogħolhom: sa Ġunju biss, aktar minn 10,000 persuna għamlu użu minn skema volontarja ta’ ripatrijazzjoni biex ikunu jistgħu jitilqu minn Malta permezz ta’ titjiriet sussidjati.

Stampa aktar ċara ta’ kemm qed jiġi maħluq jew mitluf xogħol toħroġ minn statistika oħra li tiġi ppubblikata regolarment – in-numru ta’ xogħlijiet reġistrati (registered employment).

Madankollu, filwaqt li din l-istatistika ġeneralment kienet tiġi ppubblikata fi żmien 4-5 xhur, l-aħħar figuri li ħarġu – f’Settembru li għadda – kienu jgħoddu biss għal Jannar, qabel ma waslet Malta il-Covid-19 u ħalliet l-impatt tagħha fuq l-ekonomija. Kieku l-iskeda tal-publikazzjoni inżammet bħal ma ġara fis-snin ta’ qabel, kieku l-figuri għall-bidu tas-sajf – fi tmiem l-ewwel mewġa tal-Covid-19 – diġà ħarġu.

Għad m’hemm l-ebda indikazzjoni meta se joħroġ l-aġġornament li jmiss, wisq anqas dawk li jistgħu jagħtu indikazzjoni ta’ kemm intilfu xogħlijiet matul il-pandemija.

Dewmien minħabba ‘problemi tekniċi’

Bħal kull statistika uffiċjali oħra, il-figuri fuq in-numru ta’ xogħlijiet reġistrati u fuq in-numru ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol joħorġu mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO). L-NSO tiddependi minn ħafna entitajiet biex toħroġ l-istatistika tagħha, u f’dawn iż-żewġ każi, il-figuri jiġu pprovduti minn JobsPlus.

Newsbook.com.mt b’hekk staqsa għal spjegazzjoni kemm minn JobsPlus kif ukoll mill-NSO, u kelliema għall-uffiċċju tal-istatistika ikkonfermat li qed ikun hemm dewmien biex jinħarġu l-figuri fuq xogħlijiet reġistrati mal-JobsPlus.

“Dawn l-aħħar xhur, kien hemm dewmien fuq l-informazzjoni dwar xogħol reġistrat minħabba problemi tekniċi li affettwaw is-sorsi tagħna u li qegħdin jaħdmu fuqhom,” spjegat il-kelliema. “L-NSO qed taħdem qatigħ sabiex il-publikazzjoni ta’ din l-istatistika tkompli mill-aktar fis possibli.”

Il-Ministru għax-Xogħol Clyde Caruana  – li kien chairman eżekuttiv tal-JobsPlus sal-bidu ta’ din is-sena – ta spjegazzjoni simili fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari mid-deputat Nazzjonalista Ryan Callus, li stagħġeb kif waqfu joħorġu figuri li qabel kienu jiġu ppublikati kull xahar.

“L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ma kienx qed jippubblika l-istatistika Registered Employment matul ix-xhur imsemmija minħabba dewmien min-naħa tas-sors biex jipprovdi informazzjoni aġġornata dwar impjiegi fis-settur pubbliku,” qal Caruana.

“L-informazzjoni li tkopri l-ewwel xhur tas-sena 2020 se tinħareġ mill-aktar fis possibbli. Hekk kif l-Uffiċċju jkollu data għall-pubblikazzjoni tan-news release, din tkun aġġornata fuq il-kalendarju li huwa disponibbli online.”