Malta tibqa’ ma ddaħħalx fis-seħħ liġi Ewropea kontra l-abbuż tat-tfal

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lil Malta tgħaddi l-informazzjoni dwar il-miżuri li l-Gvern qed jieħu biex tiġi implimentata d-Direttiva Ewropea sabiex jiġi miġġieled l-abbuż, l-isfruttar sesswali u l-pornografika tat-tfal.
Il-Kummissjoni tinsab imħassba li Malta għadha ma kkomunikatx se jkunu l-miżuri biex tiġi implimentata din id-direttiva.
Id-Direttiva Ewropea 93 tal-2011 tiġbor l-offiżi kriminali relatati mal-abbuż sesswali fuq it-tfal u l-pornografija tat-tfal madwar l-Unjoni Ewropea.
Tinkludi wkoll dispożizzjonijiet tal-liġi sabiex jiġi miġġieled l-abbuż tat-tfal onlajn u t-turiżmu għas-sess.
Id-Direttiva titlob ukoll li persuna li tkun wettqet reat relatat ma’ abbuż sesswali fuq it-tfal ma tkunx iktar f’pożizzjoni li tkompli b’xogħol professjonali jekk dan ikun jinvolvi kuntatt mat-tfal.
Malta kellha timplimenta din id-direttiva sat-18 ta’ Diċembru tal-2013 u għalkemm il-Kummissjoni bagħtet ittri formali qabel jibdew il-proċeduri dwar ksur ta’ liġijiet Ewropej, Malta flimkien ma’ pajjiżi oħra baqgħu ma avżawx lill-Kummissjoni x’miżuri se jittieħdu biex din id-direttiva tidħol fis-seħħ.
Malta issa għandha xahrejn ċans biex tgħaddi l-informazzjoni mitluba inkella l-każ jispiċċa quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Il-Kummissjoni Ewropea għamlet din l-istess talba lill-Greċja, l-Italja, il-Portugall u r-Rumanija.
Matul ix-xahar ta’ Lulju, il-Kummissjoni ħadet 85 deċiżjoni dwar ksur ta’ liġijiet Ewropej filwaqt li għalqet 59 każ ieħor.