Ugwaljanza bejn is-sessi: Malta tibqa’ f’nofs il-klassifika

Malta kklassifikat fil-15-il post mit-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea fl-indiċi tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Dan ħareġ minn rapport tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza u s-Sessi (EIGE) li juri li l-indiċi tal-ugwaljanza f’Malta hija 62.5 punti. Minkejja ż-żieda ta’ 6.5 punti mis-sena 2005, Malta tibqa’ fl-istess pożizzjoni ta’ 14-il sena ilu.

L-ugwaljanza bejn is-sessi f’Malta hija ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea fis-saħħa, ix-xogħol, il-flus, l-għarfien u ż-żmien fejn fl-oqsma kollha l-indiċi dejjem jaqbeż is-60 punt minn massimu ta’ 100. Madankollu r-rata tal-poter hija 32.2 punti li jfisser li l-ammont ta’ nisa f’Malta li qegħdin f’pożizzjonijiet u f’bordijiet ta’ kumpaniji fejn jittieħdu deċiżjonijiet għadu wieħed relattivament baxx meta kkumparat mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rapport juri li l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea tibqa’ għaddejja b’ritmu kajman u għadha ’l bogħod milli tilħaq l-għanijiet tagħha f’dan il-qasam. Ir-rata tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hija 67.4 punti li tfisser biss żieda ta’ punt perċentwali wieħed biss mis-sena 2017. Kwazi nofs il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jaqgħu taħt is-60 punt.

L-Iżvezja tibqa’ fil-quċċata ta’ din il-klassifika b’rata ta’ 83.6 punti segwita mid-Danimarka b’77.5 punti. Fuq in-naħa t’isfel tal-klassifika hemm il-Greċja u l-Ungerija b’rata ta’ inqas minn 52 punt. Il-Portugall u l-Estonja huma l-iktar pajjiżi li għamlu progress fl-ugwaljanza mis-sena 2017 b’żieda ta’ iktar minn 3 punti.

Fejn jidħol il-qasam tax-xogħol, mir-rapport ħareġ li 28% tan-nisa u 20% tal-irġiel fl-Unjoni Ewropea għadhom ineliġibbli għal parental leave.