“Malta tħallas kumpens minflok tinvesti fil-miri tal-klima” – Extinction Rebellion

L-għaqda favur l-ambjent Extinction Rebellion Malta sostniet li Malta spiċċat tħallas kumpens biex tpatti għal żball politiku għax ma laħqitx il-mira tagħha għall-enerġija rinovabbli fil-pajjiż.

Fi stqarrija, l-għaqda spjegat li Malta ma laħqitx il-mira tagħha ta’ 10% enerġija rinovabbli, u diġà ħallset €2 miljun biex tikkumpensa għal dan. L-għaqda spjegat li dawn il-flejjes setgħu jintużaw biex jittejjeb il-pajjiż. Intant ħeġġet lill-awtoritajiet Maltin biex juru ambizzjoni u rieda politika fil-konfront tal-miri tal-klima nazzjonali.

Temmet tgħid li ż-żmien għall-iskużi spiċċa. Qalet li hemm bżonn tmexxija proattiva u ambizzjuża li tippermetti li jintlaħqu dawn il-miri.

L-Unjoni Ewropea kienet qed timmira li sal-2020 minn tal-inqas 20% tal-enerġija kkunsmata fl-UE tkun ġejja minn sorsi rinovabbli skont l-istrateġija Europe 2020. Intant, il-Gvern Malti kien wiegħed li jgħin investiment lokali biex jilħaq il-mira ta’ 10% tal-enerġija tkun ġejja minn sorsi rinovabbli sal-2020 ukoll.

Statistika maħruġa mill-Eurostat is-sena li għaddiet, ibbażata fuq staħrriġ li sar matul l-2017, kien ra lil Malta klassifikata mal-aħħar tliet pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fil-konsum tal-enerġija rinovabbli. Fl-2017 7.2% biss tal-enerġija kkunsmata f’Malta kienet ġejja minn sorsi rinovabbli. Il-medja fl-Unjoni Ewropea kienet ta’ 17.5% fl-2017.