Aġġornata (2): Filmat: Jaslu Malta s-37 immigrant

Dgħajsa b’37 immigrant abbord li telqet mil-Libja jumejn ilu se tiddaħħal Malta llum. Dan wara li dgħajsa ta’ salvataġġ tal-Forzi Armati ta’ Malta marret biex tara kif tista’ tgħinhom, u ġie deċiż li dawn l-immigranti għandhom jiddaħħlu Malta.

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliema għall-AFM. Minkejja li għall-bidu, l-indikazzjonijiet kienu li se jkun hemm 40 immigrant abbord, sors ta’ Newsbook.com.mt qal li kien hemm fil-fatt 37 immigrant.

Minkejja dan, stqarrija maħruġa mill-Forzi Armati ta’ Malta ma tatx wisq dettalji, lanqas ma speċifikat kemm kienu l-immigranti jew minn liema pajjiżi kienu ġejjin, kif normalment isir. Is-sors qal li l-immigranti kienu mill-Bangladexx, min-Nepal, mis-Sudan u mill-Pakistan. L-istqarrija ntbagħtet lill-midja fis-2.23pm, u l-immigranti ddaħħlu madwar siegħa qabel.

L-għaqda mhux governattiva Alarm Phone li kienu ħabbru fuq Twitter li Malta kkonfermat li se tara kif tista’ tgħinhom, filgħodu kitbet tistaqsi fejn hi d-dgħajsa ta’ salvataġġ. Qalu li d-dgħajsa għadha fil-baħar u n-nies qed jippanikjaw, u wħud minnhom huma “qrib il-mewt” għax jeħtieġu assistenza medika urġenti.

Minkejja dan, il-kelliema għall-AFM qalet lil Newsbook.com.mt fid-9am li dgħajsa ta’ salvataġġ tal-AFM marret biex tara kif tista’ tgħin lill-immigranti. Ma kkonfermatx jekk dawn humiex se jiddaħħlu Malta.

Fl-10.25am, l-istess kelliema għall-AFM ikkonfermat li dawn l-immigranti se jiddaħħlu Malta.

Sadattant, grupp ta’ 43 persuna li qed ifittxu l-ażil ilhom 11-il ġurnata abbord Sea Watch 3. Minn mindu telqu mil-Libja, kien hemm 11-il evakwazzjoni medika, u n-numru niżel minn 52 għal 43 immigrant. Kemm l-Italja, kif ukoll Malta, irrifjutaw li jagħtuhom port sigur biex jiżbarkaw.