Malta tesprimi interess f’inizjattiva tal-CommonWealth

Malta hija interessata li tkun parti mill-inizjattiva tal-CommonWealth fuq proġett għal istituzzjoni finanzjarja li tassisti l-pajjiżi żgħar tagħha fl-opportunitajiet tan-negozju, l-aktar fl-esportazzjoni.

Waqt laqgħa bilaterali li l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu mas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Kamalesh Sharma fi New York, fl-Istati Uniti, Dr Muscat sostna li l-Gvern se jkun qed jesplora l-possibilità tal-involviment tiegħu.

Dr Muscat semma l-ħtieġa li l-pajjiżi tal-Commonwealth jindirizzaw aħjar il-bżonnijiet taż-żgħażagħ tagħhom filwaqt li s-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth qabel ma din il-proposta u fisser kif f’Novembru li ġej, il-Commonwealth se tkun qed tniedi strateġija ġdida li taħseb għal aktar appoġġ lejn iż-żgħażagħ.

Ritratt: DOI – Omar Camilleri