Malta, Tenerife u San Marino jiffirmaw ftehim ta’ komunikazzjoni bejniethom

Malta ffirmat ftehim ta’ komunikazzjoni u ICT ma' Tenerife u San Marino li permezz tiegħu, it-tliet Gvernijiet qed jaqblu li jidħlu fi skambji ta’ komunikazzjoni biex jikber l-għarfien bejn it-tliet pajjiżi.
L-iffirmar sar mis-Segretarju Parlamentari għat-tkabbir ekonomiku, Josè Herrera, waqt l-impenji tiegħu barra mill-pajjiż. Illum kien imiss li jagħmel żjara f’Tenerife fi Spanja.
F’kummenti lill-mezzi tax-xandir fil-Gżejjer Kanarja, Josè Herrera qal li Malta qed tħares ‘il quddiem biex permezz ta’ dan il-ftehim jikber għarfien dwar l-opportunitajiet li jeżistu f’pajjiżna.
Fakkar ukoll li l-Unjoni Ewropera poġġiet miri fil-komunikazzjoni u l-ICT li jridu jintlaħqu sas-sena 2020.
Is-Segretarju Parlamentari ħabbar li se jagħmel sejħa lill-Universitajiet, Istituzzjonijiet ta’ ICT u individwi f’pajjiżna biex jieħdu sehem f’dan il-proġett biex jiġu skambjati ideat ta’ informazzjoni u esperjenzi diġitali ma’ pajjiżi oħra barra minn Malta.