Malta terġa’ tistrieħ fuq l-użu tad-diesel għall-enerġija

Aġġornat 10:57 AM

L-Enemalta tħallas €150,000 kuljum biex ma jerġax jinqata’ d-dawl

Read in English.

Malta bħalissa qed tistrieħ parzjalment fuq l-ħruq tad-diesel biex tiġġenera l-elettriku.

Dan ġie kkonfermat mill-Enemalta li lbieraħ filgħaxija sejħet konferenza tal-aħbarijiet “urġenti”. Għamlet hekk jiem wara li ħafna familji u negozji Maltin bdew jiġu affettwati minn qtugħ fil-provvista tad-dawl tagħhom. Għadd ta’ negozji sofrew minn telf finanzjarju.

X’intqal mill-Enemalta?

L-interconnector bejn Malta u Sqallija mhux qed jiffunzjona wara li ġarrab ħsarat estensivi skont l-Enemalta. Qalet li ma tafx kemm se jdum ma jissewwa.

L-Enemalta se tkun qed tħallas €150,000 kuljum biex tħaddem turbini biex il-provvista tad-dawl tibqa’ konsistenti. Din għandha tkun miżura temporanja li biha jkun hemm turnini li qed jaħdmu imma ma jkunux qed jipproduċu l-elettriku.

L-interconnector barra; kollox fuq il-powerstations – Enemalta

Dwar l-interconnector l-Enemalta qalet li aktarx intlaqat minn ankra ta’ vapur. Se tonfoq €1 miljun f’survey biex jinstab x’tip ta’ ħsara ġarrab l-interconnector. Dgħajsa se titlaq il-Ħamis biex tevalwa l-ħsara. Ir-rapport għandu jitħejja sat-8 ta’ Jannar. Il-ħsara mbagħad trid titranġa minn dgħajsa oħra. L-ispejjeż involuti jiddependu fuq kemm hi estensiva l-ħsara.

Intqal li l-ewwel qtugħ tad-dawl reċenti kien fis-26 ta’ Novembru minħabba problema fl-interconnector. Dakinhar il-load marret fuq żewġ impjanti differenti li tfew lilhom infushom biex ma jġarrbux ħsara.

X’inhi s-sitwazzjoni b’rabta mal-ġenerazzjoni tal-elettriku issa?

Ġie spjegat li l-Enemalta għandha kapaċità tiġġenera 753 Megawatts (MW) ta’ enerġija. Bħalissa d-domanda għall-enerġija hija ta’ 390MW. Fl-eqqel tas-sajf din kienet 522MW.

Dawn ġejjin minn:

  • 220MW mill-Interconnector
  • 210 MW mill-power station tal-Electrogas
  • 153 MW mill-power station tal-BWSC

Hemm ukoll impjanti tal-emerġenza ta’ 70MW, 85MW, u 35MW. Dawn tal-aħħar jaħdmu bid-diesel.

L-Enemalta qalet li l-qtugħ tad-dawl fl-aħħar jiem kien kawża ta’ fallimenti iżolati f’għadd ta’ impjanti. Il-problemi nqalgħu fl-impjant tal-Electrogas u fiż-żewġ impjanti ta’ emerġenza li kienu nxtraw fl-1995 u fl-2000.

Intqal ukoll li l-Gvern qed jaħdem fuq rapport dwar il-futur tas-settur tal-enerġija f’Malta għall-perjodu 2020-2035. Għandu jitlesta sas-sajf.

L-Enemalta qalet li se tikkunsidra kull talba għall-kumpens imma qalet li se timxi mar-regolamenti tal-provvista tal-enerġija.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata minn uffiċjali għolja tal-Enemalta inkluż il-Kap Eżekuttiv Jason Vella u ċ-Chairperson Kevin Chircop. Saret sebat ijiem wara l-qtugħ tad-dawl li esperjenzat Malta qabel il-Milied.

Fl-aħħar 30 sena ma kienx hemm powercuts daqs kemm kien hemm fl-aħħar jiem – PN

Il-PN qal li fl-aħħar 30 sena qatt ma kien hemm qtugħ tal-elettriku daqs dawn l-aħħar jiem.

Fi stqarrija ffirmata mill-MP David Agius il-PN qal li dan mhux tort il-ħaddiema tal-Enemalta imma tort il-Gver Laburista.

“Fl-aħħar sigħat, fuq il-mezzi soċjali, ġie allegat li hemm problemi serji biex titħaddem il-power station il-ġdida magħrufa bħala monument tal-korruzjoni li ried ibella’ lill-poplu l-Gvern ta’ Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri flimkien ma’ sħabhom tal-kabinett. Saru wkoll allegazzjonijiet li din il-problema ta’ qtugħ ta’ dawl se tiżdied malli bosta ħaddiema jirritornaw għax-xogħol il-ġimgħa d-dieħla,” qal il-PN.

Il-partit appella lil dawk kollha li soffrew minn danni minħabba qtugħ tal-provvista tal-elettriku sabiex isemmgħu leħinhom. Qal li dawn se jsibu l-Partit Nazzjonalista warajhom biex il-Gvern Laburista jagħmel tajjeb għad-danni li soffrew u li qed isofru.