Malta tax haven? Iva għas-Soċjalisti, le għall-PPE

Wara li aktar kmieni llum it-timesofmalta.com ħabbret li l-Partit Soċjalista Ewropew irid lill-Kummissjoni Ewropea tqis lil Malta bħala tax haven u li l-Partit Popolari Ewropew huwa kontra, iż-żewġ partiti Maltin ħarġu jiddefendu l-pożizzjoni li Malta mhix tax haven.
Il-Partit Laburista huwa parti mill-grupp Soċjalista fil-Parlament Ewropew waqt li l-Partit Nazzjonalista huwa parti mill-Partit Popolari Ewropew.
Is-Soċjalisti Ewropej għamlu mozzjoni fil-Parlament Ewropew biex Malta, il-Lussenburgu, l-Olanda u l-Irlanda jitqiesu bħala tax havens, jiġifieri bħala pajjiżi li jintużaw biex wieħed jaħrab milli jħallas it-taxxa.
Is-Soċjalisti Ewropej iridu li r-rapport tal-Kumitat PANA jiġi emendat biex jiddikjara li Malta hija tax haven. Dan il-Kumitat kien ġie Malta biex jinvestiga l-iskandlu tal-Panama Papers, wara li kien ħareġ li l-Ministru Kondrad Mizzi u Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru kienu fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama eżatt malli l-Partit Laburista kien rebaħ l-elezzjoni tal-2013. Kienet infetħet kumpanija oħra, li skont informazzjoni ppubblikata fuq is-sit ta’ Daphne Caruana Galizia, kienet tal-mara tal-Prim Ministru. Is-Sinjura Muscat tiċħad li dan hu veru.
Skont rapport tat-Times of Malta juri li l-MEPs tal-Partit Laburista ma rnexxilhomx jipperswadu lil sħabhom biex ma jressqux din l-emenda għar-rapport tal-Kumitat PANA. Mill-banda l-oħra l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista rnexxielhom jipperswadu lill-Partit Popolari Ewropew biex jivvota kontra l-mozzjoni tas-Soċjalisti.
Osservaturi politiċi innotaw l-ironija tas-sitwazzjoni preżenti peress li l-familja politika tal-Partit Laburista trid din id-dikjarazzjoni, waqt li l-Partit Popolari Ewropew li kontinwament jiġi ikkritikat mill-Gvern u mill-Partit Laburista qed jaħdem favur l-interessi ta’ Malta.
Il-Parlament Ewropew mistenni jivvota fuq din l-emenda l-ġimgħa d-dieħla. 
PL: L-MEPs se jibqgħu jiġġieldu
L-Ewroparlamentari Laburisti qalu fi stqarrija li huma se jibqgħu jiġġieldu kull tentattiv immirat biex jimmina s-servizzi finanzjarji ta’ Malta anke meta dawn it-tentattivi jiġu mill-istess grupp politiku tagħhom.Huma qalu li hemm MEPs li qed idejjaqhom il-fatt li Malta qed tattira l-investiment lejha.
PN: Jekk tgħaddi tagħhom, Malta tieħu daqqa 'l isfel
Il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarija li jekk tgħaddi tas-Soċjalisti Ewropej l-ekonomija ta’ Malta tieħu daqqa 'l isfel u flimkien magħha l-għajxien tal-familji Maltin. Il-Partit Nazzjonalista żied jgħid li ilu għal snin jgħid li Malta mhix tax haven u minkejja diversi attentanti fil-passat dejjem ikkonvinċa li dan mhux il-każ. L-istqarrija tal-PN tgħid li huma l-ewroparlamentari tiegħu li qed jirnexxielhom jikkonvinċu li Malta mhix tax haven.