Malta tappoġġja miżuri li jiġġieldu l-kriminalità organizzata fl-UE

Malta tat l-appoġġ tagħha biex jiddaħħlu malajr kemm jista’ jkun żewġ miżuri li se jgħinu biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata fl-Unjoni Ewropea u b’hekk tiżdied is-sigurtà f’dan il-kontinent.
F’laqgħa tal-ministri għall-ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-ministri Ewropej qablu fuq regolament li se jagħmilha possibbli li l-istati membri tal-Unjoni Ewropea jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar kriminali li jkunu ġejjin minn barra l-Unjoni Ewoprea, anke jekk dawn ikollhom ukoll ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea (f’każijiet ta’ ċittadinanza doppja).
Huma qablu wkoll fuq regolament ġdid li se jagħmilha possibbli biex jiġu ffriżati u kkonfiskati l-assi li ġejjin mill-kriminalità anke meta dawn l-assi jiġu mferrxa f’diversi pajjiżi u ġurisdizzjonijiet.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici saħaq li dawn l-għodod huma importanti biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata u biex wieħed ineħħi kwalunkwe inċentiv finanzjarju li jistgħu jgawdu minnu l-kriminali permezz tal-attivitajiet tagħhom.
Ritratt: Arkivji