“Malta tappoġġja l-kawża tal-poplu Palestinjan b’konvinzjoni” – Prim Ministru

Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li Malta tappoġġja l-kawża tal-poplu Palestinjan b'konvinzjoni. Dan hekk kif il-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani kien diskuss bejn il-Prim Ministru Malti u l-President tal-Awtorità Palestinjana Mahmoud Abbas fi New York, fl-Istati Uniti.

Il-President Mahmoud Abbas qal li l-Palestina hija grata għax-xogħol li dejjem għamlet Malta għall-Palestina fil-Ġnus Magħquda u rrefera għal Malta bħala ħabib antic, hekk kif Malta ilha rapporteur tal-kumitat għat-twettieq tad-drittijiet tal-poplu Palestinjan għal kważi erbgħin sena.

Il-President tal-Awtorità Palestinjan qal li ftehim bejn l-Iżrael u l-Palestina għandu jwassal mhux biss għal sitwazzjoni iktar trankwilla iżda wkoll għal żvilupp ekonomiku pożittiv fir-reġjun.

Intant, il-Prim Ministru Malti qal li qed iħares ‘l quddiem biex il-Gvern Malti jesplora l-possiblità li jattira investiment mil-Lvant Nofsani f’Malta.

Ritratti: DOI – Omar Camilleri