Malta tappoġġja l-iffirmar tal-ftehim bejn l-Ukraina u l-Unjoni Ewropea

Matul il-laqgħa li l-Prim Ministru Malti Dr Joseph Muscat kellu mal-President Ukrain Viktor Yanukovych f’Kiev, il-Prim Ministru qal li Malta tappoġġja l-iffirmar tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-Ukraina u l-Unjoni Ewropea.

L-iffirmar ta’ dan il-ftehim mistenni jsir waqt is-summit li se jsir f'Novembru li ġej tal-Eastern Partnership, f’Vilnus fil-Litwanja.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li għandha ssir riforma ġudizjarja u dan biex jingħelbu l-problemi l-oħra li sal-lum waqfu l-iffirmar ta’ dan il-ftehim.

Qal li jinsab kunfidenti li din il-kwistjoni tissolva fil-jiem li ġejjin.

Il-President Ukrain irringrazzja lill-Gvern Malti għall-appoġġ kollu li Malta qed turi fl-integrazzjoni Ewropea tal-Ukraina.

Yanukovych qal li pajjiżu jikkunsidra lil Malta bħala pajjiż ħabib u se jkompli jaħdem biex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. 

Il-Prim Ministru kellu taħdidiet oħra mal-Kunsill tad-Difiża u s-Sigurtà Nazzjonali tal-Ukraina.

Malta u l-Ukraina ffirmaw ftehim dwar it-tneħħija tat-taxxa doppja.

 

Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott