Malta tapplika biex tospita l-kwartieri tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini

Malta ssottomettiet l-offerta biex tospita l-kwartieri tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini, l-EMA.
Dan wara ftehim li sar f’Ġunju meta l-Mexxejja Ewropej qablu dwar il-proċedura għar-rilokazzjoni tal-EMA u l-Awtorità Ewropea tal-Banek fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Il-Kwartieri tal-EMA bħalissa jinsabu f’Canary Wharf, Londra, u jimpjegaw mad-900 persuna minn madwar l-Ewropa. L-EMA hija responsabbli minn monitoraġġ u evalwazzjoni tal-mediċini tat-tobba u tal-veterinarji qabel ma dawn ikunu disponibbli fis-Suq Waħdieni Ewropew.
B’kollox 20 pajjiż tefgħu l-offerta rispettiva tagħhom biex jospitaw l-EMA wara li jitlesta l-proċess Brexit.
Il-vot finali fuq ir-rilokazzjoni ta’ din l-aġenzija se jittieħed fil-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, nhar l-20 ta’ Novembru li ġej.