Malta taħtar l-ewwel Ambaxxatriċi għan-Nisa

Tnedija tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar in-Nisa, Paċi u Sigurtà

DOI - Jason Borg

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo nieda l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar in-Nisa, Paċi u Sigurtà fosthom bil-ħatra tal-ewwel Ambaxxatriċi għan-Nisa, Paċi u Sigurtà Celia Pirotta. Pirotta ilha fil-korp diplomatiku Malti għal snin twal.

Hija se tmexxi kumitat responsabbli mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali, kif ukoll mill-kwistjonijiet kollha li jolqtu n-nisa, paċi u sigurtà.

Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Bartolo qal li Malta se tkompli taħdem biex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-Korp Diplomatiku, fil-Forzi Armati u fil-Korp tal-Pulizija.

Fi stqarrija tal-Gvern intqal li dan skont l-impenn ta’ Malta b’rabta mar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill għas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, liema riżoluzzjoni tiffoka fuq l-impatt negattiv tal-kunflitti bl-armi fuq in-nisa u l-bniet u tafferma l-importanza tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proċessi ta’ paċi u riżoluzzjoni tal-kunflitti. 

Il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali huwa frott ta’ inizjattiva tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi bis-sostenn ta’ diversi dipartimenti, akkademiċi u ċittadini.