Malta tagħżel li tniżżel l-età tal-midja soċjali għal 13-il sena

Dalwaqt se tiġi legali li tfal ta’ 13-il sena jużaw il-midja soċjali b’liġi li se tgħaddi fil-Parlament.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici fil-Parlament fejn qal li Malta kellha l-għażla li l-età għall-użu tal-midja soċjali tkun ta’ 16-il sena. Spjega li wara konsultazzjoni mal-Kummissarju għat-Tfal ġie deċiż li l-Gvern jipproponi liġi biex tfal ta’ 13-il sena jitħallew jużaw il-midja soċjali b’mod legali.
Fil-Parlament bdiet tiġi diskussa l-liġi tal-Protezzjoni tad-Data. L-abbozz ta’ liġi se jkun qed jimplimenta l-leġislazzjoni Ewropea magħrufa aħjar bħala l-GDPR.
Dwar din il-liġi il-Ministru Bonnici qal li l-Gvern għandu track record għad-drittijiet ċivili u spjega kif id-dritt għall-protezzjoni tad-data tal-persuna huwa dritt mill-aktar importanti.
Fil-liġi se jkun hemm ukoll id-‘dritt li tintesa’, li jfisser li ismek jew id-dettalji tiegħek li jkunu ġew ippubblikati onlajn ma jibqgħux jidhru fuq is-siti tat-tfittxija bħal Google u oħrajn.
Id-dibattitu dwar din il-liġi se jkompli fis-seduti li ġejjin.