Malta tagħti l-liċenzja Earth Station lil EchoStar Mobile

L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, l-MCA, riċentament tat liċenzja lil EchoStar Mobile Limited sabiex tistabbilixxi satellite earth station f’Malta. Ibbażata fl-Irlanda, EchoStar Mobile Limited hija sussidjarja propjetà tal-Korporazzjoni EchoStar (NASDAQ:SATS), provditur globali ewlieni ta’ soluzzjonijiet imwassla bis-satellita u l-vidjo, bil-kwartieri tagħha fl-Istati Uniti tal-Amerika.
Iċ-Chairman tal-MCA, Dr. Edward Woods, qal li “din hija l-ewwel liċenzja għal satellite earth station ta’ dan it-tip li se tkun ħarġet f’Malta. L-Awtorità tinsab fiduċjuża li l-attività ta’ EchoStar Mobile fl-iżvilupp tal-involviment ta’ Malta fis-settur spazjali, se tkun attività li tagħti riżultati pożittivi”.
Is-satellite earth station li se tkun stabbilita f’Malta se tkun qed tintuża biex tikkalibra s-satellita EchoStar XXI, li topera fil-banda 2 GHz għall-provvediment ta’ servizzi mobbli satellitari tal-aħħar ġenerazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea.
Il-President ta’ EchoStar Satellite Services, Anders Johnson qal li “ninsabu kuntenti li ngħatajna din il-liċenzja mill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni marbuta mas-satellita tagħna EchoStar XXI, li hi skedata li tittella fl-ispazju fl-2016.  
Dan hu pass ieħor ‘il quddiem fil-pjan tagħna li nwasslu fl-Unjoni Ewropea l-ewwel netwerk ta’ komunikazzjoni bil-mowbajl tal-aħħar ġenerazzjoni li hi kollha kemm hi IP b’sistema satellitari u terresti integrata”.