Malta tagħti €20,000 għal impjant ta’ disalinazzjoni f’Gaża

Il-Gvern Malti wiegħed €20,000 għal bini ta’ impjant ta’ disalinazzjoni fl-Istrippa ta’ Gaża.
Dan ġie kkonfermat fi stqarrija mibgħuta mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fejn kien spjegat li dan huwa l-ikbar proġett infrastrutturali li rat Gaża u li se jkun qed jipprovdi mal-55 miljun metru kubu ta’ ilma nadif għall-konsum ta’ aktar minn 2 miljun persuna.
Il-wegħda kienet ippreżentata waqt konferenza ta’ donazzjonijiet għall-Gaza Central Desalination Plant & Associated Works Project.
Il-Ministru għall-Affarijeit Barranin, Carmelo Abela qal li Malta tinsab kuntenta li qed tagħti l-għajnuna li tista’ sabiex tittejjeb il-kwalità ta’ ħajja f’Gaża. Hu sostna li b’dan il-ġest, Malta qed tinkontribwixxi għall-istabbilità fir-reġjun.
Il-proġett jinkludi l-impjant ta’ disalinazzjoni, installazzjoni ta’ provvista tal-enerġija, kif ukoll il-konstruzzjoni neċessarja sabiex l-ilma jintbgħat mit-Tramuntana għan-Nofsinhar taż-żona.
Il-konferenza ġabret €456 miljun, mill-proġett li se jiġi jiswa €562.3 miljun.