Malta tagħti €400,000 għall-ġlieda dinjija kontra l-coronavirus

Read in English.

Malta qiegħda tagħti €400,000 għall-ġlieda dinjija kontra l-coronavirus. Il-mexxejja madwar id-dinja ġabru madwar €7 biljun, iżda l-Istati Uniti żammet lura milli tagħti l-kontribuzzjoni tagħha.

Fuq Twitter ilbieraħ filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta qed tagħmel il-parti tagħha billi toffri €400,000. Huwa rringrazzja lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Leyen talli qed tmexxi din l-inizjattiva.

Il-mexxejja madwar id-dinja ġabru madwar €7.4 biljun għar-riċerka, il-manifattura u d-distribuzzjoni ta’ tilqima u trattamenti tal-coronavirus la dawn jinħolqu. Madankollu, l-Istati Uniti mhix tipparteċipa f’dan l-isforz dinji.

Fil-messaġġ tiegħu waqt is-sessjoni virtwali bejn il-mexxejja, il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li minkejja li ħafna pajjiżi, fosthom Malta, qegħdin jillaxkaw il-miżuri, il-ħajja mhix se tmur lura għan-normal sakemm tinstab tilqima kontra l-coronavirus.

L-organizzaturi ta’ din l-inizjattiva huma l-Unjoni Ewropea u pajjiżi barra mill-UE bħar-Renju Unit, in-Norveġja u l-Arabja Sawdija. Il-mexxejja tal-Ġappun, il-Kanada, l-Afrika t’Isfel u għexieren ta’ pajjiżi oħrajn ingħaqdu f’din l-inizjattiva virtwali, filwaqt li ċ-Ċina ġiet rappreżentata mill-Ambaxxatur tagħha fl-Unjoni Ewropea.

Il-gvernijiet għandhom l-għan li jibqgħu jiġbru l-fondi għall-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Bejniethom, l-istati membri tal-Unjoni Ewropea ġabru €4 biljun. Huma megħjuna mill-Bank Dinji, mill-Fondazzjoni ta’ Bill u Melinda Gates u minn individwi bħall-kantanta Madonna, li tat €1 miljun.

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson li rkupra mill-coronavirus, qal li t-tiftixa għal tilqim hija l-aktar sforz urġenti konġunt possibbli, għaliex jista’ jkun it-tarka tal-popli.

Il-Prim Ministru tan-Norveġja, Erna Solberg, qalet li hi ħasra li l-Istati Uniti mhix tipparteċipa f’dan l-isforz biex tingħeleb il-kriżi. Madankollu, il-President Franċiż Emmanuel Macron qal li kellu diversi diskussjonijiet mal-Amerikani u huwa konvint li eventwalment l-Istati Uniti tingħaqad f’din l-inizjattiva.

Il-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau enfasizza l-importanza li t-tilqima eventwalment tkun disponibbli għal kulħadd, u mhux għall-pajjiżi sinjuri biss.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn